Il-Facebook jissieħeb mal-Pulizija Maltija fis-sistema tal-AMBER Alert għal tfal neqsin
Permezz ta’ sħubija mal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u mal-Pulizija, dawk kollha li jużaw il-Facebook f’Malta minn issa ’l quddiem se jibdew jirċievu allerti speċifiċi fuq id-djarju kronoloġiku tagħhom kull meta tifel jew tifla jinħatfu jew jiġu rrappurtati neqsin u jkunu f’riskju imminent li jiġrilhom xi ħaġa. Il-Facebook huwa l-aħħar organizzazzjoni li qed tingħaqad mas-sistema Maltija tal-AMBER Alert, li hija sistema nazzjonali ta’ allert dwar każijiet ta’ tfal neqsin li jkunu fil-periklu u ta’ ħtif ta’ tfal. Din is-sistema ġiet inawgurata fl-10 ta’ Jannar 2017.
Din is-sħubija ġiet imħabbra waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta, is-7 ta’ Marzu, fil-kwarrtieri ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana, u li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela; mill-Kap tal-Iskwadra Kontra l-Vizzji, is-Supt. Dennis Theuma; u d-Direttur tal-Facebook responsabbli mis-Sikurezza, Emily Vacher.
L-AMBER Alert Malta hija r-riżultat ta’ koperazzjoni bejn il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Korp tal-Pulizija, u l-organizzazzjoni bla skop ta’ qligħ AMBER Alert Europe. AMBER Alert huwa messaġġ urġenti li l-Pulizija toħroġ meta tifel jew tifla jinħatfu jew jgħibu, u tkun qed tibża’ li l-ħajja jew is-saħħa tagħhom ikunu fil-periklu. Il-messaġġ imbagħad jingħadda lil aktar nies mill-oganizzazzjonijiet sħab.
“Is-sħubija tal-Facebook hija żieda prezzjuża għas-sistema tal-AMBER Alert li għadna kif introduċejna f’Malta, li hija metodu effettiv ta’ kif nużaw il-forza tal-komunità tagħna biex insalvaw il-ħajja tat-tfal,” qal il-Ministru Abela. “Aktar ma tibda malajr it-tfittxija u akbar ma jkun l-għadd tan-nies li jintlaħqu b’allert, akbar tkun il-probabbiltà li tifel jew tifla neqsin u fil-periklu jinstabu. Minħabba li l-Facebook huwa l-aktar pjattaforma tal-kuntatti soċjali popolari f’Malta, id-deċiżjoni tiegħu li jissieħeb mal-Pulizija tagħna tfisser li, fl-eventwalità ta’ tifel jew tifla neqsin u fil-periklu, aktar nies se jkunu jistgħu jkunu involuti fit-tfittix f’dawk l-ewwel sigħat kruċjali.”
Il-Ministru qal li l-AMBER Alerts jistgħu jirnexxu aktar kemm-il darba, f’każ ta’ tfal neqsin u fil-periklu, in-nies jiġu infurmati aktar minn darba. Jekk jirċievu l-informazzjoni minn mezzi differenti, iċ-ċansijiet li xi ħadd jilmaħ lit-tifel jew tifla u jagħrafhom jiżdiedu. Għalhekk, huwa ħeġġeġ biex saħansita aktar organizzazzjonijiet li huma f’pożizzjoni li jgħinu biex iwasslu l-allerti lin-nies jissieħbu f’din l-inizjattiva tajba. Fuq il-lista ta’ dawk li diġà ngħaqdu mal-AMBER Alert System hemm l-APS Bank, il-Facebook, il-Gozo Channel, Illum, il-Malta International Airport, il-Melita plc, Net News, Newsbook, il-One, il-PBS, Radju Marija, The Malta Independent, it-Times of Malta, it-Transport Malta, u l-Vodafone Malta. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Pulizija, f’kollaborazzjoni ma’ dawn il-partners u ma’ oħrajn ġodda li jkunu laħqu ssieħbu, se toħroġ allert taparsi sabiex tittestja s-sistema u turi lill-pubbliku kif taħdem.
Il-Ministru Abela appella wkoll biex aktar nies u organizzazzjonijiet jinkitbu fuq is-sit elettroniku tal-AMBER Alert Malta (amberalert.com.mt), li hu disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, sabiex jirċievu aġġornamenti u allerti u b’hekk ikunu jistgħu jgħinu fit-tfittxija għat-tfal neqsin li jkunu fil-periklu.